Ħarsa ġenerali​

L-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti jinqasmu fuq seba’ friegħi:

a. L-Għotja tal-Bidu
b. L-Għotja ta’ Darba
ċ. L-Istipendji
d. Għotja għall-Ġenituri Singli
e. L-Istipendji Speċjali tas-Sajf
f. Ħlas Parzjali tal-Paga Minima
ġ. L-Għotjiet Supplimentari

L-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti huma pprovduti mill-Gvern ta’ Malta għal studenti fl-edukazzjoni għolja. Din l-iskema topera taħt sett ta' regolamenti u l-Avviż Legali AL 308 tal-2016 jiddetermina l-eliġibbiltà.
L-istudenti li jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom onlajn wara l-aħħar ta’ Novembru tas-sena akkademika rispettiva jkunu kkunsidrati eliġibbli għall-Għotjiet ta' Manteniment mid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni.
Il-formoli tal-applikazzjoni onlajn għall-Għotjiet ta’ Manteniment tal-Istudenti għandhom jiġu sottomessi fuq bażi annwali fil-bidu tas-sena akkademika.

X’se tingħata

L-istudenti li jistudjaw f’livell QMK 5 u 6, kif ukoll xi studenti li qed jistudjaw fil-Livell QMK 7, u li jkunu kkonfermaw b'suċċess l-applikazzjoni onlajn tagħhom, jirċievu dan li ġej:

a. Għotja tal-Bidu, mogħtija darba kull sena akkademika, li għandha tintuża għax-xiri ta’ kotba tal-iskola u materjal edukattiv ieħor.

b. Għotja ta’ Darba, għal studenti li qegħdin fl-ewwel sena fil-kors tagħhom. Din l-għotja tingħata għal kors li jitqies li jwassal għal kwalifika ta’ livell QMK 6.

ċ. Rati ta’ stipendju; Dawn jiġu kreditati f’ammonti li jitħallsu f’arretrati kull erba' ġimgħat. Jibdew mill-ewwel ġimgħa ta' Diċembru u normalment jaslu sa Awwissu. Dawn ir-rati ta’ stipendju jistgħu jkunu soġġetti għal tnaqqis minħabba assenteiżmu.

d. Għotja għall-Ġenituri Singli, (skont l-eliġibbiltà). L-ammont jiddependi fuq il-livell tal-MQF tal-kors magħżul. Din l-għotja tingħata lill-studenti fuq bażi full-time li huma ġenituri waħedhom, u li jiddependu biss fuq benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali bħala dħul finanzjarju.

e. Stipendji Speċjali tas-Sajf, li jiġi ikkreditat lil apprentisti eliġibbli, pagabbli tul is-sajf, u suġġett għall-attendenza)

f. Ħlas Parzjali tal-Paga Minima, li jiġi ikkreditat lil apprentisti eliġibbli. Huwa ħlas addizzjonali biex b’kollox ir-remunerazzjoni għal apprentistat, matul is-sena kollha, ma jkunx inqas mill-paga minima. Huwa suġġett għal tnaqqis skont l-attendenza tal-istudent.

ġ. Għotjiet Supplimentari, li, wara approvazzjoni mill-Bord għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti, jiġu ikkreditati mar-rati tal-istipendji.

Eliġibbiltà​​

i. Huma ċittadini Maltin, jew għandhom mill-inqas ġenitur wieħed li huwa ċittadin Malti; jew ikun ċittadin ta’ stat tal-Unjoni Ewropea/Żona Ekonomika Ewropea jew membru tal-familja ta’ tali ċittadin tal-Unjoni Ewropea/Żona Ekonomika Ewropea (sakemm dik il-persuna tkun kisbet residenza permanenti f'Malta; jew tkun ċittadin tal-Unjoni Ewropea/stat taż-Żona Ekonomika Ewropea li jkun f'Malta jeżerċita d-drittijiet tat-Trattat tiegħu/tagħha bħala ħaddiem, persuna li taħdem għal rasha jew persuna li żżomm dan l-istatus, jew ikun ċittadin ta’pajjiż terz li ngħata status ta' refuġjat/residenza fit-tul.

ii. Kienu residenti f'Malta għal perjodu ta’ mhux inqas minn 5 snin immedjatament qabel il-bidu tal-kors ta' studju. Meta jiġi kkalkulat ir-rekwiżit ta’ 5 snin, m'għandhiex tingħata konsiderazzjoni lil dak il-perjodu ta' żmien li matulu l-istudent kien joqgħod barra minn Malta minħabba trattament mediku jew kwalunkwe skop ieħor li l-Bord jista’ jikkunsidra aċċettabbli.

iii. Lestew it-terminu ta’ edukazzjoni obbligatorja tagħhom.

iv. Qegħdin jattendu l-kors tal-edukazzjoni għolja regolarment u qegħdin jagħmlu progress sodisfaċenti.

v. Mhumiex f'impjieg full-time jew f'impjieg part-time u jaħdmu aktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa.

vi. Ikunu qegħdin jagħmlu progress tagħhom fil-kors ta’ studju tagħhom. Il-progress tal-livell ta’ studji għandu jiġi determinat skont il-livelli tal-Qafas tal-Kwalifikazzjoni ta' Malta kif stabbilit miċ-Ċentru ta’ Informazzjoni tal-Għarfien tal-Kwalifikazzjoni ta’ Malta jew kwalunkwe korp kompetenti ieħor.

Kif tapplika​

Imla l-formola onlajn, żid id-dokumenti rikjesti u ibgħatha.

L-istudenti jistgħu jieħdu sa 10 minuti biex jidħlu, jimlew u jissottomettu l-applikazzjoni onlajn b'mod korrett. Dan il-kalkolu ta’ ħin jassumi li kopji elettroniċi tad-dokumenti mitluba huma diġà disponibbli.
applika